.

Advertisements

Sena mit-Twaqqif ta’ din l-Organizzazzjoni

Sena ilu, nhar is-17 ta’ Lulju 2022, twaqfet din l-Organizzazzjoni, bl-isem ‘Koalizzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija’. Dan evolva għal ‘Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija’ nhar il-15 ta’ Marzu, 2023, bl-iffirmar tal-istatut, filwaqt fit-12 ta’ Mejju 2023, ġiet reġistrata uffiċjalment bħala Organizzazzjoni Volontarja mal-Kummissarju tal-Volontarjat!

Minn meta beda dan il-proġett, l-għan aħħari tiegħu kien, għadu u jibqa’ l-konservazzjoni b’mod olistiku tan-Naħla Maltija, li sfortunatement, bħal ħafna ħlejqiet oħrajn endemiċi għall-gżejjer Maltin, qegħdin jaffaċċjaw kriżi eżistenzjali. Ir-raġuni wara l-għażla tal-kelma ‘Koalizzjoni’ fit-titlu bikri ta’ din l-Organizzazzjoni, hi l-għan prinċipali ta’ dan il-grupp; li jservi ta’ pont li jressaq individwi, għaqdiet apikulturali u entitajiet governattivi lejn il-kooperazjoni. Is-sostenibbiltà dejjiema tas-settur apikulturali hi bbażat fuq in-naħla tal-għasel lokali, ċoe n-Naħla Maltija. Fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa!

Matul din is-sena ta’ ħidma, din l-Organizzazzjoni faslet, ħejjiet u ħadmet fuq diversi inizjattiva. Dan li ġej huwa sommarju tal-attivitajiet l-iktar prominenti li għamilna!

Lulju 2022 – preżenti

Fl-eqqel tal-istaġun sajfi tas-sena li għaddiet (2022), bdejna kampanja rigward l-isfida tal-Bagħal taż-żunżan (Oriental hornet). Fosthom:

· Ħejjejna artiklu informattiv fuq il-Bagħal taż-żunżan, u fatti oħra relatati li jolqtu n-Naħla Maltija.

· Bgħattna ittra uffiċjali lill-Awtoritajiet lokali rigward il-problema li ħoloq il-Bagħal taż-żunżan lit-trobbija tan-naħal lokalment. L-injoranza rigward din il-problema, ma setgħetx tkun iktar skuża!

· Varajna petizzjoni sabiex jinġabar l-appoġġ tal-pubbliku fuq il-problema tal-Bagħal taż-żunżan. Din ġiet preżentata lill-Awtorita tal-Ambjent (ERA) f’Ottubru.

Ottubru 2022

L-iktar artiklu li għamel ħoss fuq il-mezzi soċjali tagħna kien jitratta kampjuni tal-Bagħal taż-żunżan li għandhom madwar 70 sena. Dan jindika b’mod ċar li din l-ispeċi hi indiġena għal pajjiżna, u ż-żieda qawwija fil-popolazzjoni tiegħu ġiet ikkawżata minħabba l-attività tal-bniedem.

Diċembru 2022

Flimkien ma’ The ‘GROW 10 TREES’ Project (G10T), nidejna inizjattiva msemmija ‘Pollinates – Flora Maltija għad-Dakkara’ sabiex nippromwovu flora li b’mod speċjali hija importanti għal insetti dakkara li nsibu fil-Gżejjer Maltin, inkluż in-Naħla Maltija!

Marzu 2023

Nidejna kampanja informali biex jiġi evitat qtugħ ta’ ħaxix selvaġġ f’toroq u passaġġi rurali, għall-benefiċċju tad-dakkara li nsibu fil-gżejjer Maltin, inkluż in-Naħla Maltija.

April 2023 – preżenti

F’dan ix-xahar bdejna kampanja ewlenija sabiex in-Naħla Maltija tiġi ddikjarata bħala l-Insett Nazzjonali. Fosthom:

· Flimkien mas-Sur David Chetcuti Dimech u Prof Simone Borg, lettur fil-Fakulta tal-Liġi fl-Università ta’ Malta, ippubblikajna f’ġurnal internazzjonali studju legali li jitratta ‘Il-Protezzjoni tan-Naħla tal-Għasel Endemika Maltija’. L-istudju jitratta diversi modi kif in-Naħla Maltija tista’ tiġi protetta b’mod olistiku billi jiġu applikati liġijiet kurrenti Maltin, Ewropej u Internazzjonali.

· Nhar l-20 ta’ Mejju 2023, fil-Jum Dinji tan-Naħal għamilna talba uffiċjali lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi sabiex in-Naħla Maltija tiġi ddikjarat bħala l-Insett Nazzjonali.

· Aktar tard, komplejna l-kampanja tagħna bi ġbir t’appoġġ mingħand il-Kunsilli Lokali u Reġjonali.

Mejju 2023

Dan ix-xahar kien l-iktar wieħed attiv għall-Organizzazzjoni.

· L-organizzjazzjoni ġiet irreġistrata b’mod uffiċjali, u segwentament varajna emblema ġdida sabiex naġġornaw ruħna u tissaħħah l-identità tal-Fondazzjoni.

· Matul dan iż-żmien ukoll, ġejna wkoll mistiedna u attendejna għal żewġ intervisti televiżi (Vuċi għall-Annimali u Niskata), sabiex inkomplu inwasslu l-messaġġ tagħna!

Ġunju 2023

Nidejna inizjattiva li permezz tagħha ser nibnu database ta’ naħħala li jrabbu n-naħal f’Malta sabiex isservi bħala qafas għal proġetti jew azzjonijiet futuri. L-iskop aħħari hu li jkun hemm koordinament bejn il-partijiet interessati fin-Naħla Maltija

Matul dan is-sena ta’ ħidma, ippublikajna artiklu fuq it-Times of Malta rigward l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq in-Naħla Maltija u l-apikultura lokali. Ippublikajna wkoll artiklu ieħor fuq il-Malta Independent rigward rapport maħrug fl-1995 fuq is-sitwazzjoni apkiulturali ta’ dak iż-żmien, u l-ħtieġa t’azzjoni issa. Matul dawn ix-xhur bgħattna wkoll il-kummenti tagħna fuq diversi strateġiji ambjentali li kienu miftuħa għal konsultazzjoni:

· L-Istrateġija Nazzjonali għall-Ambjent 2050 (Ottubru 2022)

· L-Istrateġija ta’ Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli għall-2050 (Jannar 2023)

· L-Istrateġija Nazzjonali u l-Pjan t’Azzjoni ta’ Malta għad-Dakkara sal-2035 (Marzu 2023)

· L-Istrateġija Nazzjonali Tal-Bijodiversita u Pjan ta’ Azzjoni sal-2030 (Marzu 2023)

Il-Fondazzjoni għandha diversi inizjatttivi għaddejin, u proġetti ġejjiena sabiex inkomplu insaħħu l-ħidma tagħna b’riżq in-Naħla Maltija, u l-ġid komuni.

Kompli għina billi ssegwina fuq il-mezzi kollha tal-Organizzazzjoni! Grazzi mill-qalb tal-appoġġ tagħkom!

Advertisements
Advertisements
Advertisements



Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements

Leave a comment

Advertisements