.

Advertisements

Nipproteġu n-Naħla Maltija: Il-Ħidma tal-Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija

Nisġet Artna | Xitwa 2023 | Ħarġa Numru 36

Il-gżejjer Maltin huma mogħnija b’ diversi speċi u sottospeċi ta’ flora u fawna li huma endemiċi. Dan ifisser li ma jinsabu imkien aktar madwar il-globu ħlief f’ dan l-arċipelagu f’ nofs il-Mediterran. Fosthom hemm in-Naħla Maltija, Apis mellifera ruttneri. Ir-rabta bejn in-Naħla tal-għasel u din l-art hija imnaqqxa fl-istorja ta’ dawn il-gżejjer mill-qedem. It-trobbija tan-naħla lokali għal produzzjoni tal-għasel u prodotti oħrajn saħansitra tat l-isem lil dan il-pajjiż, Malta, li ġejja mill-kelma Griega għal għasel, Μελίτη. L-identità Maltija hija bla dubju storikament minsuġa man-Naħla Maltija.


Sfida kurrenti u ewlenija għal bosta sottospeċi endemiċi ta’ naħal tal-għasel madwar id-dinja kif ukoll għan-Naħla Maltija, hija l-importazzjoni ta’ naħal tal-għasel barrani fir-reġjuni fejn jgħammru. Dan iwassal sabiex razez differenti jibdew jitrabbew flimkien u jibda’ proċess intensiv ta’ taħlit bejniethom. Dan huwa ta’ detriment għall-bijodiversità naturali li evolviet f’ kull sottospeċi, u jpoġġi l-preżenza, l-addattament għal ambjent nativ u r-reżiljenza futura tagħhom fil-periklu, partikolarment fil-kuntest ta’ sfidi ta’ sostenibiltà globali inkluż it-tibdil fil- klima. Kunsiderazzjonijiet importanti oħrajn marbuta mal-importazzjoni ta’ naħal barrani bi skop kummerċjali huwa l-mard li inċidentalment jidħol ma’ dawn l-importazzjonijiet, bħalma jiġri perjodikament f’ pajjiżna. L-importazzjoni wkoll twassal ghal produzzjoni t’ għasel mrażżna meta dawn ir-razez ta’ naħal barranin ma jkunux fl-abitat tagħhom, hekk kif juru diversi studji xjentifiċi internazzjonali.

Fil-kuntest ta’ dawn l-isfidi eżistenzjali għan-Naħla Maltija, f’ Lulju 2022 ġie ffurmat grupp sabiex ikompli:
– jixpruna l-għarfien fost in-naħħala u l-pubbliku fuq dan l-insett endemiku
– kif ukoll jservi ta’ pjattaform fejn azzjonijiet lejn il-protezzjoni ħolistika ta’ din il-ħlejqa jiġu kkordinati.


Minn dakinhar, dan il-grupp evolva f’ NGO, il-Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija, u ninsabu impenjata li mmexxu b’ mod kollaborattiv il-preservazzjoni tan-Naħla Maltija għal ġenerazzjonijiet futuri. Attwalment magħmul minn tliet amministraturi, bħala tim nipprevedu tkabbir gradwali biex inkomplu dejjem ninvolvu udjenza usa’ filwaqt li nintensifikaw l-isforzi tagħna biex nilħqu l-għan aħħari tal-Fondazzjoni, il-protezzjoni perpetwa tan-Naħla Maltija. Minkejja r-riżorsi limitati tagħna, diġà mexxejna b’ suċċess diversi inizjattivi għall- benefiċċju tal-apikultura Maltija.

Għażla limitata ta’ dawn l-inizjattivi tinkludu; l-indirizzar tat-theddida maħluqa mill-Vespa orientalis (Bagħal taż-żunżan) matul is-sajf tal-2022, u fil-preżent. Il-grupp kien l-ewwel fl-isfera tal-apikultura li għamel pressjoni u petizzjoni lill-awtoritajiet relevanti, favur azzjoni immedjata u sussegwentement ippreżenta l-petizzjoni lill-aġenzija lokali għall-ħarsien tal-ambjent, l-ERA. Proġett ieħor kien id-distribuzzjoni taż-żrieragħ ta’ flora indiġena li tipproduċi n-nektar flimkien ma’ NGO oħra (Grow 10 Trees Project), li huma vitali mhux biss għan-naħal tal-għasel iżda wkoll għal pollinaturi oħrajn. Ktibna wkoll diversi artikli f’ gazzetti lokali u pparteċipajna f’ intervisti fuq ir-radju u t-televiżjoni, sabiex dejjem inkomplu nwasslu l-messaġġ tagħna. Il-valur intrinsiku ta’ din is-sottospeċi mhuwiex biss l-irwol ċentrali tagħha fl-apikultura Maltija, iżda l-prestiġju tagħha għax hija endemika għall-gżejjer Maltin biss.

Fl-20 ta’ Mejju fil-Jum Dinji tan-Naħla, bdejna kampanja sabiex in-Naħla Maltija tkun iddikjarata bħala l-Insett Nazzjonali. Dan l-isforz kien ibbażat fi studju legali ppubblikat f’ġurnal Ewropew bit-titlu: Review of the Maltese and European Laws related to the Genetic Protection of the Endemic Maltese Honey Bee (Apis mellifera ruttneri). Dan l-istudju kien il-frott ta’ kollaborazzjoni m’ akkademiċi mill-Università ta’ Malta. Il-Fondazzjoni kellha rwol ċentrali biex din il-pubblikazzjoni titwettaq, fejn fiha ġie diskuss is-saqaf legali neċessarju li jipprovdi protezzjoni olistika lin-Naħla Maltija. Il-protezzjoni legali tan-Naħla Maltija permezz tal- leġislazzjoni huwa possibli.

Fl-ispirtu kollaborattiv li tħaddan il-Fondazzjoni, ninsabu investiti fi qsim t’ ideat għal ħarsien tal-ġid komuni mħeġġa minn sinerġija fost entitajiet li jħaddnu l-istess etos. Nagħrfu s-saħħa li ġejja mill-għaqda, anke fuq skala internazzjonali. Konna onorati li rċevejna stedina sabiex bħala Fondazzjoni nipparteċipaw f’ konferenza organizzata mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tan-Naħla Skura li saret f’ Awwissu li għadda, fi Franza. F’ dan l-avveniment, preżentajna xogħol tagħna dwar il-Protezzjoni Legali tan-Naħal tal-Għasel fi ħdan l-UE, bl-applikazzjoni ta’ oqfsa Ewropej. Ta’ min jinnota li din il-kwistjoni tmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, u għandha implikazzjonijiet reġjonali u globali.

Wara t-telf sproporzjonat ta’ kolonji tan-naħal wara s-sajf tal-2022 minħabba l-Bagħal taż-żunżan, dan huwa perjodu delikat immens għal konservazzjoni u l-eżistenza tan-Naħla Maltija. Preżentament xejn ma jwaqqaf individwi jew entitatajiet milli jimportaw mases kbar ta’ naħal tal-għasel barrani fil-gżejjer Maltin. Dan jaf kategorikament iwassal għal telfa kbira infami fl-istorja ambjentali ta’ dan il-pajjiż; l-estinzjoni totali tan-Naħla Maltija.

Il-Fondazzjoni tissekonda bis-sħiħ spirtu ta’ kollaborazzjoni u koperazzjoni lejn futur li jagħti protezzjoni msaħħa lill-ambjent u lin-Naħla Maltija, filwaqt li twitti t-triq għas-sostenibbiltà fit-tul f’dan is-settur agrikolu. Flimkien, nistgħu niżguraw ġejjieni b’ saħħtu!

Filwaqt li nirringrazzjaw il-Bord Editorjali ta’ Nisġet Artna li ġentilment provdewlna spazzju fejn nagħtu rendikont tal-ħidma tagħna filwaqt li nwasslu l-messaġġ tagħna b’riżq in-Naħla Maltija, inħeġġu lill-qarrejja jsegwuna fuq Facebook jew Instagram (@nahlamaltija) sabiex dejjem jibqgħu aġġornati bil-ħidma tagħna.

Miktub minn Dylan Farrugia u Abner Joe Buttigieg, Fundaturi tal-Fondazzjoni. Ritratt ta’ Carmel Camilleri.

Advertisements
Advertisements
Advertisements



Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements

Leave a comment

Advertisements