.

Advertisements

In-Naħla Maltija hi Protetta?

Il-flora u l-fawna ta’ madwarna huma kklassifikati f’diversi livelli fix-xjenza; renju, ordni, familja, etċ. F’din is-sistema, in-Naħla tal-Għasel (Apis mellifera) hi klassifikata bħala speċi. Din terġa’ tinqasam f’sottospeċi differenti, li fosthom insibu n-Naħla Maltija (Apis mellifera ruttneri) li hi ħlejqa endemika għall-gżejjer Maltin. Din żviluppat f’sottospeċi sforz adattamenti insulari. Minħabba li l-gżejjerMaltin huma separati mill-kontinenti, ma ppermettiex taħlit tal-ġenetika ma’ naħal tal-għasel minn reġjuni oħra għal eluf ta’ snin. Dan wassal biex in-Naħla Maltija tevolvi għall-forma unika li llum nafu biha.

Hija sewwasew l-ġenetika distinta li tagħmel sottospeċi unika minn oħra. U għaldaqstant biex din tkun protetta għandha bżonn miżuri addizzjonali li jipproteġu wkoll il-ġenetika tagħha. F’dan il-kuntest, huwa importanti li nagħmlu distinzjoni bejn speċi u sottospeċi endemiċi. Fil-każ ta’ speċi endemika, minħabba l-fatt li lħlejqa tkun tgħammar biss f’reġjun partikolari wieħed, m’hemmx biża ta’ tniġġis tal-ġenetika minn sottospeċi li ġejjin minn reġjuni terzi. Imma l-fatt li n-Naħla Maltija mhijiex speċi imma sottospeċi endemika, dan ifisser li filwaqt li s-sottospeċi tinsab fil-gżejjer Maltin biss, naħal tal-għasel ta’ sottospeċi differenti jinsabu f’pajjiżi u reġjuni oħra. Għalkemm taħlit bejn speċi differenti ma jwassalx għal frieħ fertili minħabba ostakli riproduttivi, dan ma japplikax għal-livell ta’ sottospeċi. Konsegwenza ewlenija ta’ dan hi, li jekk sottospeċi ta’ naħal tal-għasel barrani jiġu importati lokalment, jibdew jitħalltu man-Naħla Maltija.

Dan it-taħlit jirriżulta f’tinġis tal-ġenetika lokali. Is-sottospeċi Maltija gradwalment tibda’ titlef il-karatteristiċi li jagħmluha adattaha għall-klima u l-kundizzjonijiet lokali, liema karatteristiċi ilhom jevolvu għal eluf ta’ snin. Riżultat ta’ dan it-taħlit, in-Naħla Maltija tispiċċa inqas reżiljenti għal kundizzjonijiet lokali. Dan ifisser ukoll li jkun hemm iktar ħtieġa t’interventi mill-bniedem biex jiġu sostnuti l-kolonji. Dan kollu mhux biss jitfa’ s-sottospeċi lokali f’xifer t’estinzjoni, imma wkoll jagħmel ittrobbija tan-naħal tal-għasel inqas sostenibbli. F’dan il-kuntest, in-nuqqas ta’ protezzjoni tal-ġenetika, iddaħħal riskji kbar għas-sopravivenza tas-sottospeċi. Huwa ċar kristal li għalkemm in-Naħla Maltija tidher li hi protetta, fil-prattika mhijiex. Dan għaliex din il-protezzjoni hi limitata għal-livell ta’ speċi u mhux sottospeċi!

Studji xjentifiċi fuq is-suġġett huma importanti għax jagħtu stampa storika tal-konservazzjoni tan-Naħla Maltija. Madankollu, ir-relevanza u konklużjonijiet jibqgħu limitati minħabba l-passaġġ taż-żmien li jagħmel ir-riżultati miksuba antikwati fil-kuntest ta’ proċessi dinamiċi bħal f’dan il-kuntest. Apparti dan, telf kbir ta’ kolonji ġie rraportat fis-sajf tal-2022 minħabba l-problema tal-Bagħal taż-Żunżan (Vespa orientalis). In-neċessità t’assessjar mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal konservazzjoni tal-ġenetika, flimkien ma’ monitoraġġ kontinwu tan-Naħla Maltija u prattiċi apikulturali in ġenerali, hija fl-imperattiv.

Minħabba li ma jeżistux restrizzjonijiet fuq importazzjonijiet ta’ naħal tal-għasel f’pajjiżna, fis-sitwazzjoni preżenti, riskju reali hu l-introduzzjoni ta’ mases kbar ta’ rġejjen minn barra. Dan hu konsegwenza diretta ta’ protezzjoni fqira u mhux olistika lin-Naħla Maltija. Kull min hu midħla tas-settur apikulturali lokali huwa konxju mill-fatt li dawn huma episodji li sfortunatament diġà ġraw fil-passat. Għaldaqstant il-biża’ ta’ ripetizzjoni ta’ dawn l-introduzzjonijiet mhijiex ibbażata fuq ipoteżi biss! Riskju ieħor li ma jinvolvix importazzjonijiet ġodda, huwa t-tkattir ta’ naħal tal-għasel minn stokk barrani fil-gżejjer tagħna stess. Dan huwa wkoll ta’ theddida diretta għan-Naħla Maltija. F’dan il-każ ukoll, il-karatteristiċi ta’ naħal barrani jiżdiedu fil-ġabra ġenetika (gene pool) kollettiva tan-naħal tal-għasel lokali a skapitu ta’ karatteristiċi tan-Naħla Maltija. Mill-ġdid, il-probabiltà li t-taħlit jiżdied jikber bil-ħafna. Għal darbaoħra, ma teżisti l-ebda leġislazzjoni li twaqqaf dan milli jsir.

Bil-leġislazzjonijiet kurrenti nistgħu nikkonkludu lin-Naħla Maltija għandha biss protezzjoni superfiċjali għax:
1) mhux biss jista’ jiġi importat naħal barrani b’riskju li jiddaħlu magħhom mard u pesti ġodda li jħallu diżastru fuq is-settur, imma wkoll,
2) b’ deċiżjoni żbaljata ta’ ftit individwi, tista’ fi ftit xhur tinqered il-ġenetika u ladattament kollu li evolvew b’ mod naturali fin-naħla lokali.

Għalkemm jeżistu xi mekkaniżmi naturali li jnaqqsu it-taħlit bejn sottospeċi differenti, dawn ma jidhirx li huma effettivi għal kollox . Evidenza ta’ dan huwa l-fatt lin-naħla lokali qed tibiddel il-kulur naturali tagħha għal-lewn safrani. Apparti minn hekk, mhux kull telf fil-morfoloġija jew fl-adattament tan-naħla huma ovvji mingħajr studji dettaljati.

Din mhijiex problema ta’ Malta biss, imma ta’ ħafna pajjiżi u reġjuni oħra. F’dan il-kuntest il-proċess tal-globalizzazzjoni qed jgħawwar l-ekoloġiji uniċi lokali. Il-politika internazzjonali rigward l-apikultura iktar ma jmur, iktar qed tagħti appoġġ lin-naħal tal-għasel lokali. Naħħala qed jiġu mħeġġa jrabbu s-sottospeċi nativa tagħhom, għaliex din tibqa’ l-aqwa naħla tal-għasel fir-reġjun rispettiv. L-ebda naħal tal-għasel importat ma jista’ jkun ta’ dan il-kalibru. Dan il-fatt hu evidenzjat minn bosta studji internazzjonali u lokali. Is-sostenibbiltà qiegħda fid-diversità bijoloġika. Huwa neċessarju li Malta tkun pass ‘il quddiem, u tieħu l-azzjonijiet neċessarji fil-konservazzjoni ta’ sottospeċi u speċi endemiċi. Ir-realtà taċ-ċokon ta’ pajjiżna ma tħalliniex nitlajjaw iktar fuq politika ta’ konservazzjoni olistika. U jekk il-kobor ta’ pajjiżi u reġjuni oħra jagħtihom ċans ikbar sabiex isibu stokk tajjeb ta’ sottospeċi nativi minn xiex ikattru ladarba jħaddnu din il-politika, Malta m’għandiex dan il-lussu. In-Naħla Maltija hija possibilment l-aktar sottospeċi ta’ naħal tal-għasel rari fid-dinja minħabba iċ-ċokon ta’ fejn tgħammar; il-gżejjer Maltin biss. Għaldaqstant l-urġenza għall-konservazzjoni tagħha għanda tkun bil-wisq akbar! Hi traġedja ambjentali infami għal dan il-pajjiż li għal interessi kummerċjali, tfajna bla bżonn f’riskju t’estinzjoni n-naħla endemika tagħna stess. U dan meta l-fatt li aħna pajjiż gżira, għandu jiffavorixxina minn l-aspett ta’ konservazzjoni!

Il-ħtieġa ta’ Pjan t’Azzjoni olistiku għall-konservazzjoni tan-Naħla Maltija huwa ferm bżonnjuż. Dan għandu jkun imfassal fuq medda twila ta’ snin. Le, m’ għandniex nikkuntentaw b’miżuri ta’ mitigazzjoni biss. Dawn ma jsolvux il-problema mill-għeruq imma jkunu qed iduru magħha. Miżuri ta’ mitigazzjoni jinvolvu spejjeż rikorrenti kbar u għaldaqstant mhumiex sostenibbli. Kif il-miżuri t’għajnuna jiġu eżawriti, il-problema terġa’ titfaċċa kif kienet fil-bidu, jekk mhux b’aktar intensità. Pjan t’Azzjoni olistiku, għandu jkollu fil-mira aħħarija tiegħu leġislazzjoni li twaqqaf l-importazzjoni tan-naħal minn barra. B’hekk biss il-problema tista’ tibda’ tissolva mill-għeruq. Wara dan il-pass, għandu jinbeda proċess ta’ purifikazzjoni. F’proċess bħal dan, hemm ukoll il-potenzjal li jinħolqu numru ta’ xogħolijiet lokali ġodda, li huma relatati mal-ambjent u l-agrikolutura. Għandna naħdmu qatiegħ sakemm naraw li n-Naħla Maltija tkun verament protetta għax hi parti integrali mill-patrimonju naturali tagħna; din Maltija daqsna!

Advertisements
Advertisements
Advertisements



Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements

Leave a comment

Advertisements