.

Advertisements

Inizjattiva Insett Nazzjonali: Kjarifika

Ritratt © Niki Alexander Mallia (Student fl-MCAST)

You can read this clarification in English

Qed noħorġu kjarifika ulterjuri biex nissimplifikaw l-għan tal-inizjattiva, li għandha l-objettiv li tiddikjara n-Naħla tal-għasel Maltija bħala l-insett nazzjonali ta’ Malta. Aħna konxji li ċerti elementi qed ixerrdu b’mod malizzjuż informazzjoni qarrieqa bil-ħsieb li jnibtu biża’ fost in-naħħala u s-settur tal-apikultura, bl-iskop li jimminaw u jfixklu din l-inizjattiva.

L-ewwel u qabel kollox, huwa kruċjali li jiġi ċċarat li l-leġiżlazzjoni li tirregola d-deżinjazzjoni ta’ speċi nazzjonali hija diġà fis-seħħ għal xi speċi oħra u ma teħtieġ l-ebda qafas legali ġdid [L.S.549.120: Regolamenti dwar il-Ħarsien ta’ Speċi Protetti (Dikjarazzjoni ta’ Speċi Nazzjonali)]. Sa issa, ħames speċi ngħataw dan l-istatus distintiv, li jagħtina l-vantaġġ nosservaw l-applikazzjoni ta’ din il-liġi.

“huwa kruċjali li jiġi ċċarat li l-leġiżlazzjoni li tirregola d-deżinjazzjoni ta’ speċi nazzjonali hija diġà fis-seħħ għal xi speċi oħra u ma teħtieġ l-ebda qafas legali ġdid”

L-inizjattiva tal-Fondazzjoni li tiddikjara n-Naħla Maltija bħala l-Insett Nazzjonali ta’ Malta hija msejsa fuq studju legali bit-titlu ‘Liġijiet Maltin u Ewropej relatati mal-Ħarsien Ġenetiku tan-Naħla Endemika Maltija’, li ġie kkummissjonat mill-istess Fondazzjoni u wara ppubblikat f’ ġurnal legali internazzjonali rinomat. Li kieku in-Naħla Maltija kellha tingħata dan l-istatus, it-tisħiħ tal-konservazzjoni tagħha, flimkien ma’ dik tal-ambjent, isir imperattiv. Din id-dikjarazzjoni tkun tinkludi t-termini li ġejjin, kif deskritti f’Artikolu 8:(a) tadotta miżuri sabiex tippromovi l-konservazzjoni tal-Ispeċi Nazzjonali; (b) tieħu passi sabiex jiġi evitat id-deterjorazzjonital-ambjent naturali tal-Ispeċi Nazzjonali ġewwa s-siti protetti; (ċ) tippreveni l-introduzzjoni, tikkontrolla jew teqred dawk l-ispeċi aljeni invażivi li jistgħu jheddu l-Ispeċi Nazzjonali; u (d) tirsisti sabiex tipprovdi l-kundizzjonijiet bżonnjużi sabiex ikun hemm kumpatibbiltà bejn l-użu preżenti u l-konservazzjoni tal-Ispeċi  Nazzjonali u l-ambjenti naturali tagħhom.

Ritratt © Mario Vella

Huwa essenzjali li wieħed jinnota li l-liġi tistipula l-importanza li jkun hemm kompatibilità bejn l-użu attwali (fl-apikultura) u l-isforzi ta’ konservazzjoni. It-tħassib li l-protezzjoni legali bħala l-‘insett nazzjonali’ se twassal għal żieda fil-burokrazija fl-industrija tal-apikultura hija infondata. Ir-rikonoxximent tal-ħtieġa li tiġi salvagwardjata l-integrità ġenetika tan-naħla tal-għasel jimplika b’mod naturali ta’ regolazzjoni tal-użu tagħha u attivitajiet relatati. L-alternattiva hija li nirriskjaw it-telf sħiħ tas-sottospeċi minħabba taħlit tal-ġenetika. In-naħħala huma essenzjalment l-inidividwi ewlenin li jrabbu n-naħal. Għaldaqstant ser toffri protezzjoni miżjuda lis-settur tal-apikultura għaliex it-trobbija tan-naħal issir għodda importanti biex tiżgura s-sopravivenza kontinwa tan-Naħla Maltija, inkluż f’termini ta’ purità ġenetika. Il-kolonji se jkomplu jiġu mmaniġġjati bil-mod attwali tagħhom, u l-bejgħ tal-għasel mhux sa jkun affettwat. Jekk xejn, l-għasel prodott lokalment fil-gżejjer Maltin iżid fil-valur u l-prestiġju tiegħu, peress li jsir prodott lokali derivat minn sottospeċi endemika, li wkoll l-Insett Nazzjonali ta’ Malta.

“Jekk xejn, l-għasel prodott lokalment fil-gżejjer Maltin iżid fil-valur u l-prestiġju tiegħu, peress li jsir prodott lokali derivat minn sottospeċi endemika, li wkoll l-Insett Nazzjonali ta’ Malta.”

Id-dikjarazzjoni tan-naħla tal-għasel bħala l-insett nazzjonali mhux biss isaħħaħ il-prominenza tan-Naħla Maltija, simili għall-Merill jew il-Widnet il-Baħar, iżda wkoll tisfrutta l-ammirazzjoni mifruxa lejn in-naħla tal-għasel, li jagħmilha fokus naturali għall-affezzjoni pubblika. Il-protezzjoni tagħha tista’ tittrasforma n-naħla tal-għasel fi speċi ewlenija, u tippromwovi sforzi usa’ ta’ konservazzjoni għall-ħarsien tal-ambjent. Barra minn hekk, li tkun rikonoxxuta bħala insett nazzjonali jġiegħel impenn akbar mill-awtoritajiet biex jiżguraw il-protezzjoni tan-naħla tal-għasel. L-istatus il-ġdid, maż-żmien, jagħti bidu għal bidla fil-mentalità, li jwassal lill-partijiet interessati kollha biex jagħrfu l-valur tan-naħla tagħna. Konsegwentement, l-importazzjoni ta’ naħal barrani tonqos, u b’hekk is-settur tal-apikultura jsir aktar sostenibbli, għaliex dan jelimina r-riskju ta’ introduzzjoni aċċidentali ta’ mard ġdid jew pesti, kif ġara fil-passat. Dawn huma fatturi primarji li jikkontribwixxu għall-ispejjeż dejjem jikbru fit-trobbija tan-naħal, flimkien ma’ elementi oħra bħall-bidla fil-klima u l-urbanizzazzjoni tal-pajjiż.

Huwa essenzjali li wieħed jinnota li l-liġi tistipula l-importanza li jkun hemm kompatibilità bejn l-użu attwali (fl-apikultura) u l-isforzi ta’ konservazzjoni.

Fejn jidħlu l-Ispeċi Nazzjonali ddikjarati l-oħra, l-approċċ adottat mill-awtoritajiet jiffoka fuq il-konservazzjoni tagħhom aktar milli jimponi restrizzjonijiet fuq l-aċċess għalihom. Dan mhux talli ma joħloqx theddida għas-settur tal-apikultura, iżda dan is-settur huwa meqjus b’mod favorevoli għall-konservazzjoni tal-ispeċi, li jikkonforma mal-istipulazzjonijiet fil-liġi dwar id-dikjarazzjoni tal-Ispeċi Nazzjonali, li titlob ir-rispett lejn l-użu attwali. Konsegwentement, huwa previst li n-naħħala jassumu uffiċjalment l-irwol ta’ gwardjani tan-Naħla Maltija taħt dan l-approċċ. Il-modi għall-immaniġġjati tal-ispeċijiet nazzjonali jvarjaw, peress li m’hemm l-ebda strateġija waħda għal kollha. Pereżempju, filwaqt li l-qbid tal-għasfur nazzjonali huwa strettament illegali, l-awtoritajiet jappoġġjaw b’mod attiv l-użu tal-Pjanti Nazzjonali u s-Siġra Nazzjonali fi proġetti ta’ tisbiħ, kif deskritt fis-siltiet hawn taħt. L-ispeċijiet nazzjonali kollha jirċievu importanza u viżibbiltà akbar, mhux biss f’termini ta’ għarfien iżda wkoll f’termini ta’ riżorsi. Hekk kif tikber l-enfasi fuq il-ħarsien tan-naħla tal-għasel Maltija, din il-kwistjoni ssir aktar prominenti fuq l-aġenda nazzjonali, u b’hekk tiżdied il-probabbiltà ta’ finanzjament u tipprovdi lill-organizzazzjonijiet b’aċċess biex jimmonitorjaw u jikkontribwixxu għall-isforzi ta’ konservazzjoni.

“huwa previst li n-naħħala jassumu uffiċjalment l-irwol ta’ gwardjani tan-Naħla Maltija “

Pjanta Nazzjonali:

https://era.org.mt/wp-content/uploads/2019/09/BioSnippet_22-Maltese_Rock-centaury.pdf

Siġra Nazzjonali:

https://era.org.mt/wp-content/uploads/2019/09/BioSnippet_9-Sandarac_Gum_Tree.pdf

Ħuta Nazzjonali:

https://timesofmalta.com/articles/view/killifish-conservation-project-launched.575080

Invertebru Nazzjonali:

https://www.maltatoday.com.mt/environment/nature/111837/scientists_release_first_labgrown_qabru_freshwater_crabs_into_the_wild

L-għan tagħna hu li ma nimminawx is-settur; anzi biex jittejjeb. Is-settur bħalissa qed jiffaċċja sfidi sostanzjali u huwa perikolożitmanet qrib il-kollass minħabba diversi raġunijiet. L-istatus quo m’għadux vijabbli. Aħna nappoġġaw is-sostenibbiltà tas-settur biex niżguraw il-kontinwazzjoni tiegħu għall-ġenerazzjonijiet futuri. Kif imsemmi hawn fuq, bħall-ispeċi nazzjonali l-oħra, nipprevedu lin-naħħala jassumu r-rwol ta’ gwardjani tal-Insett Nazzjonali, in-Naħla Maltija, waqt li jħaddnu l-għadd kbir ta’ opportunitajiet ġodda li dan l-isforz jista’ jġib miegħu. Kif jista’ jkun konċepibbli li dikjarazzjoni bħal din twassal għat-tmiem ta’ settur marbut mal-istorja ta’ Malta għal millenji? Jekk din l-inizjattiva tiġi implimentata, naraw futur fejn l-ambjent ikun imħares aħjar, u fejn ikun hemm inqas importazzjoni ta’ naħal tal-għasel barrani. Dan iġib diversi benefiċċji, bħall-prevenzjoni tal-introduzzjoni ta’ mard u pesti ġodda u s-salvagwardja tal-integrità tan-naħla tal-għasel lokali, li evolviet għall-kundizzjonijiet li nstabu fil-gżejjer Maltin għal millenji. Għaldaqstant, tibda’ tirnexxi aktar fil-kundizzjonijiet lokali, li twassal biex tgħix iktar fit-tuwl, u konsegwentement, jkun hemm spejjeż imnaqqsa għal min irabbi n-naħal. Aħna nantiċipaw sens ta’ kburija li għandna din is-sottospeċi rari unika għall-gżejjer Maltin. Nipprevedu żieda fl-apituriżmu, b’turisti u naħħala barranin ħerqana li jaraw din is-sottospeċi rari fl-abitat tagħha Malti (f’konformità mal-politika tal-gvern rigward turiżmu ta’ kwalità), fejn l-għasel Malti mhux biss joriġina mill-flora lokali tagħna iżda huwa wkoll prodott mill-Insett Nazzjonali uniku tagħna. Barra minn hekk, aħna nantiċipaw il-ħolqien ta’ aktar impjiegi relatati mal-konservazzjoni u t-titjib tas-sottospeċi endemiċi tagħna. Malta tista’ tieħu rwol ewlieni fl-isforzi ta’ konservazzjoni, billi sservi ta’ mudel għal pajjiżi oħra li jixtiequ jibdew mexjin f’din id-direzzjoni.

“Dan iġib diversi benefiċċji, bħall-prevenzjoni tal-introduzzjoni ta’ mard u pesti ġodda u s-salvagwardja tal-integrità tan-naħla tal-għasel lokali,”

Bħala konklużjoni, din l-inizjattiva assolutament mhijiex tentattiv biex iddgħajjef is-settur tal-apikultura; anzi, huwa l-ewwel pass ‘il quddiem lejn is-soluzzjoni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-settur. Aħna nenfasizzaw li l-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni huma elementi integrali fil-missjoni tal-Fondazzjoni tagħna. Aħna impenjati lejn l-inizjattiva tagħna u b’mod konsistenti nfittxu kollaboraturi u appoġġ, inkluż minn organizzazzjonijiet oħra involuti fl-apikultura, biex jipparteċipaw f’diskussjonijiet u skambju ta’ ideat. Jekk għandek xi mistoqsijiet, tiddejjaqx tikkuntattjana fuq nahlamaltija@gmail.com.

Ritratt © Mario Vella

“tħaddan għadd kbir ta’ opportunitajiet ġodda li dan l-isforz jista’ jġib miegħu”

Advertisements
Advertisements
Advertisements



Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements

Leave a comment

Advertisements