.

Advertisements

In-Naħla Maltija bħala l-Insett Nazzjonali – Inizjattiva tal-Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija

F’pajjiżna numru żgħir ta’ pjanti u annimali ingħataw it-titlu ta’ ‘Speċi Nazzjonali’. Nhar l-20 ta’ Mejju 2023, fil-Jum Dinji tan-Naħla, il-Fondazzjoni għamlet talba uffiċjali lill-Awtorità għall- Ambjent u r-Riżorsi sabiex in-Naħla Maltija tiġi miżjuda ma’ din il-lista bħala l-Insett Nazzjonali ta’ Malta. Din it-talba hi imsejsa fuq il-konklużjonijiet ta’ studju legali, frott ħidma kollaborattiva m’akkademiċi mill-Università ta’ Malta.

Għalfejn jiġu dikjarati l-Ispeċi Nazzjonali? Din id-dikjarazzjoni timpenja lill-entitajiet governattivi jieħdu miżuri favur il-konservazzjoni tagħhom, jikkonservaw l-ambjent naturali fejn jgħammru ġewwa siti protetti, jipprevenu speċi aljeni invażivi milli jhedduhom u jirsistu sabiex ikun hemm kumpatibiltà bejn l-użu preżenti u l-konservazzjoni tagħhom.

Kif dawn it-termini ser japplikaw għan-Naħla Maltija? Din id-dikjarazzjoni ser tixpruna impenn akbar lejn il-protezzjoni tagħha bħala sottospeċi endemika. Iżda mhux biss. Filwaqt li jiġi sfruttat l-ammirazzjoni mifruxa lejn in-Naħla Maltija, azzjonijiet lejn il-konservazzjoni tagħha ser jippromwovu sforzi usa’ lejn il-ħarsien tal-ambjent f’pajjiżna.

Din id-dikjarazzjoni ser taffetwa ħażin lin-naħħala? Assolutament le! Il-liġi stess tistipula l-importanza tal-kompatibilità bejn l-użu attwali ċoe fl-apikultura fil-każ tan-Naħla Maltija, u sforzi lejn il-konservazzjoni. Altru milli xkiel, din id-dikjarazzjoni ser toffri protezzjoni miżjuda lin-naħħala għax it-trobbija tan-naħal hi għodda importanti lejn il-konservazzjoni tagħhom. In- naħħala ser isiru l-Gwardjani tal-Insett Nazzjonali Malti!

Hemm benefiċċji oħra għas-settur tal-apikultura lokali? U kif! Il-valur u l-prestiġju tal-għasel lokali ser jiżdied għaliex isir prodott Malti mhux biss ġej minn flora lokali, iżda wkoll prodott minn sottospeċi endemika, li hi wkoll l-Insett Nazzjonali ta’ Malta! L-istatus il-ġdid tan-Naħla Maltija, ser iwassal sabiex jingħaraf il-valur tan-naħla tagħna u l-importazzjoni ta’ naħal barrani jonqos. B’hekk is-settur tal-apikultura jsir aktar sostenibbli, għaliex fosthom jispiċċa r-riskju t’introduzzjoni aċċidentali ta’ mard ġdid. Dan huwa fattur ewlieni li jikkontribwixxu għall- ispejjeż dejjem jikbru fit-trobbija tan-naħal. Tħassib fuq żieda fil-burokrazija lin-naħħala hija totalment infondata.

X’opportunitajiet oħra ser toffri din id-dikjarazzjoni? L-Ispeċi Nazzjonali kollha jirċievu aktar viżibiltà. Il-probabbiltà ta’ sapport finanzjarju tiżdied, u dan jiffaċilita sforzi ta’ konservazzjoni. Nantiċipaw il-ħolqien t’aktar impjiegi ħodor relatati mal-konservazzjoni u li jwassal għal titjib tas-sottospeċi endemika tagħna. Nipprevedu żieda fl-apituriżmu, b’turisti u naħħala barranin ħerqana li jaraw din is-sottospeċi rari titrabba fil-gżejjer Maltin filwaqt li jduqu l-benna tal-għasel Malti. Pajjiżna jista’ jkompli jisfrutta dil-opportunità u jassumi rwol ewlieni fl-isforzi ta’ konservazzjoni ambjentali billi jservi ta’ mudell għal pajjiżi oħra.

Bħalissa t-talba tal-Fondazzjoni sabiex in-Naħla Maltija tiġi dikjarata bħala l-Insett Nazzjonali ta’ Malta tinsab fl-istadju ta’ konsultazzjoni pubblika, u pass eqreb li ssir realtà! Inħeġġu lill- qarrejja sabiex jipparteċipaw f’dan il-proċess, u flimkien innaqxu l-istorja!

Advertisements
Advertisements
Advertisements



Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements

Leave a comment

Advertisements