.

Inizjattiva Insett Nazzjonali: In-Naħla Maltija

English Version


L-Ewwel Fażi: Riċerka Legali


Il-publikazzjoni li titratta il-‘Protezzjoni tan-Naħla tal-Għasel Endemika Maltija‘ tirriċerka diversi modi ta’ kif in-Naħla Maltija tista’ tiġi protetta b’mod olistiku billi jiġu applikati liġijiet kurrenti Maltin, Ewropej u Internazzjonali. Dan isegwi x’qed isir diġà f’diversi pajjiżi u reġjuni Ewropej, li jipprovdu protezzjoni għan-Naħla tal-għasel reġjonali rispettivi tagħhom.

𝗗𝗮𝘄𝗻 𝗵𝘂𝗺𝗮 𝗹-𝗳𝗮𝘁𝘁𝗶 𝗶𝗻𝗸𝗼𝗻𝘁𝗲𝘀𝘁𝗮𝗯𝗯𝗹𝗶:


⦿ In-Naħal tal-għasel jitgħammar fuq barra b’distinzjoni minima bejn razez differenti.


⦿ It-taħlit ġenetiku huwa wkoll tip ta’ tniġġis ambjentali.


⦿ Il-karaterristiċi uniċi tan-Naħla Maltija qegħdin jiġu imniġġsa min-Naħal tal-għasel barranin li qegħdin jiġu impurtati f’pajjiżna, apparti riskji kbar t’importazzjoni ta’ mard u pesti ġodda.


⦿ Dan qed iwassal għal qerda tan-Naħla Maltija li qed titlef il-karatteristiċi ‘Maltin’ minħabba dan it-taħlit, fosthom l-adattament li kellha biex tgħix f’abitati u klima lokali.


⦿ Dawn il-proċessi jwasslu għal settur apikulturali lokali inqas sostenibbli.

Il-𝗽𝗿𝗶𝗻𝗰̇𝗶𝗽𝗷𝘂 𝗽𝗿𝗲𝗸𝗮𝘄𝘇𝗷𝗼𝗻𝗮𝗿𝗷𝘂 huwa suġġett elenkat f’din il-publikazzjoni. Dan il-prinċipju jispjega li l-awtoritajiet għandhom jaddattaw regoli ta’ prekawzjoni biex ma ssirx ħsara lill-ambjent. Ifisser ukoll li min jintroduċi elementi aljeni f’abitat, irid ikun hu stess li jipprova li dawn ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u mhux bil-kontra! Fil-kuntest lokali, nafu li n-Naħla Maltija qed titħallat ma’ Naħal barrani, u qed tintilef. Sfortunatament il-prinċipju prekawzjonarju mhux qed jitħaddan.

Ir-rapport ifassal diversi rakkomandazzjonijiet ta’ kif in-Naħla Maltija tista’ tiġi protetta. L-aktar proposta plawsibbli hi li n-Naħla Maltija tiġi ddikjarata bħala l-𝗜𝗻𝘀𝗲𝘁𝘁 𝗡𝗮𝘇𝘇𝗷𝗼𝗻𝗮𝗹𝗶! [Skont ir-regolamenti dwar il-Ħarsien ta’ Speċi Protetti (L.S. 549.120), l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi hi l-amministratur u l-awtorità kompetenti ta’ dawn ir-regolamenti]. L-istudju legali jinsab aċċessibli b’xejn hawn.

Din il-pubblikazzjoni hija l-frott ta’ kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni, David Chetcuti Dimech (awtur ewlieni u gradwat fil-ligi), kif ukoll il-Professur Simone Borg (akkademiku superviżorju u professur fil-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta). Minn qalbna, nirringrwazzjawhom!

Dawn li ġejjin huma sett ta’ kartolini li juru  l-benefiċċji diretti u indiretti li joħorġu mill-Inizjattiva Insett Nazzjonali jekk in-Naħal Maltija ssir Speċi Nazzjonali.




It-Tieni Fażi: Talba lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi


Nhar l-20 ta’ Mejju 2023, fil-Jum Dinji tan-Naħal, Il-Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija  formalment talbet lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi sabiex in-Naħla Maltija (Apis mellifera ruttneri) tiġi ddikjarat bħala l-Insett Nazzjonali. Dan skont il-provedimenti tal-leġislazzjoni sussidjarja 549.120 rigward ir-‘Regolamenti dwar il-Ħarsien ta’ Speċi Protetti (Dikjarazzjoni ta’ Speċi Nazzjonali)’.

L-ittra mibgħuta tinsab aċċessibli sħiħa hawn:


It-Tielet Fażi: Appoġġ


Minn Mejju 2023, din il-Fondazzjoni bdiet tiġbor l-appoġġ tal-kunsilli lokali u reġjonali, politiċi, akkademiċi, u organizzazzjonijiet, għal din l-inizjattiva, li fl-għeruq tagħha għandha skopijiet immirati lejn il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-wirt naturali ħaj li nsibu f’dawn il-gżejjer, b’riżq il-ġid komuni. Sa Novembru 2023, 47% tal-kunsilli lokali u reġjonali (35/74) qedin formalment jappoġjaw din l-inizjattiva.


Ir-Raba’ Fażi: Tnedija tal-Kampanja Insett Nazzjonali


F’Ottubru 2023, il-Fondazzjoni nediet kampanja sabiex tixpruna l-Inizjattiva Insett Nazzjonali li kienet varata f’Mejju 2023. Il-kampanja sa tilħaq il-qofol tagħha fis-sena 2024, meta €4,000 f’fondi mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat li applikajna għalihom b’suċċess sa jintużaw għall-produzzjoni ta’ filmat professjonali, kif ukoll għal taħdidiet ma’ kunsilli lokali u reġjonali.