.

Advertisements

Konsultazzjoni Pubblika dwar l-‘Istrateġija Nazzjonali għall-Ambjent 2050

Ilbieraħ il-Ministeru għall-Ambjent, Enerġija u Intrapriża (Sostenibilità) flimkien mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) nedew l-‘Istrateġija Nazzjonali għall-Ambjent 2050′ għal konsultazzjoni pubblika. L-istrateġija hija mfassla fuq 8 għanijiet strateġiċi li jaffetwaw lil ambjent ta’ madwarna, u allura l-kwalità tal-ħajja tagħna wkoll. Is-sommarju u dokumenti uffiċjali marbuta ma’ din l-inizjattiva huma aċċessibli minn din il-ħolqa; https://era.org.mt/nse2050

Fost l-għanijiet strateġiċi li b’mod dirett jaffetwaw lis-settur apikulturali Malti huma:

Għan numru 3: ‘Bijodiversità b’saħħitha’
Għan numru 5: ‘Riżorsi tal-art reżiljenti’
Għan numru 8: ‘Tranżizzjoni effettiva’

Inti għandek xi tgħid u tixtieq tagħti l-kontribut tiegħek f’dan il-proċess? Ibgħatilna l-kummenti tiegħek permezz tal-indirizz eletroniku tagħna ‘nahlamaltija@gmail.com’ fuq kif din l-‘Istrateġija’ u dawn it-3 għanijiet strateġiċi jistgħu jissarfu f’bidla posittiva f’dan is-settur tant għal qalbna. Ibgħatu r-risposti tagħkom sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru.

Il-bidla tibda’ minnek, agħti sehmek int ukoll!


20 ta’ Ottubru 2022

Konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ambjent 2050

B’referenza għall-konsultazzjoni pubblika imsemmija hawn fuq, bħala organizzazzjoni li qed naħdmu favur il-konservazzjoni tan-Naħla Maltija (Apis mellifera ruttneri) nixtiequ nżidu l-kummenti tagħna dwar l-istrateġija proposta.

Għan numru 3: ‘Bijodiversità b’saħħitha’, għan numru 5: ‘Riżorsi tal-art reżiljenti’ u għan numru 8: ‘Tranżizzjoni effettiva’, b’mod dirett jolqtu l-konservazzjoni tan-Naħla Maltija. Ta’ min isemmu li din in-naħla hija endemika għal pajjiżna u hi l-bażi ta’ settur agrikolu lokali; l-apikultura (it-trobbija tan-naħal). Apparti l-kontribut dirett lejn l-ekonomija permezz tal-produzzjoni tal-għasel u prodotti naturali oħra, in-Naħla Maltija bħala waħda mid-dakkara ewlieni fil-gżejjer Maltin għandha rwol ekoloġiku importanti ħafna kemm għal produzzjoni agrikola imma kif ukoll għal bijodiversità rurali. Fatt notevoli hu li din is-sottospeċi ta’ naħla tal-għasel tinsab f’Malta biss u allura hi endemika għall-arċipelagu Malti u għaldaqstant tagħmel parti mill-wirt naturali tagħna.

Fil-paġni li ġejjin ser inkunu qed niżvolġu iktar fuq kif kull għan jista’ jkompli jgħin il-promozzjoni u b’importanza ikbar, il-konservazzjoni olistika tan-Naħla Maltija.

Għan numru 3: ‘Bijodiversità b’Saħħitha’
L-objettiv prinċipali ta’ dan il-għan huwa li l-istatus ta’ speċi importanti (key species) jittejjeb. Dan iwassal biex l-istat tal-ekosistemi f’pajjiżna wkoll jittejjeb intrinsikament.

B’mod attiv, in-Naħla Maltija (Apis mellifera ruttneri) qed taffaċja diversi sfidi li qegħdin jipperikolaw l-eżistenza tagħha. Ewlieni fosthom huwa t-taħlit ma’ sottospeċi jew razez ta’ naħal tal-għasel oħrajn (hybridisation) li jiġu impurtati għal apikultura kummerċjali f’Malta u Għawdex. Dan qiegħed iwassal sabiex b’mod dirett in-Naħla Maltija titlef il-karatteristiċi li jagħmluha unika, u potenzjalment l-adattament li kellha biex tgħix f’abitati u klima lokali. Peress li n-naħal jitgħammar fuq barra b’distinzjoni minima bejn sottospeċi differenti, dan qiegħed iniġġes il-ġenetika tan-Naħla Maltija li kienet iżolata għal għexieren ta’ snin. Dawn l-istess karatteristiċi jagħmluha ukoll l-iktar sottospeċi ta’ naħla tal-għasel adattatha u reżiljenti għal klima Maltija. Dan hu għas-semplici fatt li evolviet għal kundizzjonijiet biotiċi u abiotiċi li jinsabu f’Malta u Għawdex. F’dan il-kuntest in-Naħla Maltija hija l-iktar naħla tal-għasel adegwata għal gżejjer Maltin, bħalma naħal tal-għasel ieħor hu l-iktar wieħed adattat għal reġjuni oħra li hu nativ għalihom.

Riċerka fuq in-Naħla Maltija hija preżentament limitata. Sabiex wieħed jifhem aħjar is-sitwazzjoni reali tal-istatus ta’ speċi, sottospeċi u ekosistemi differenti, studji u monitoraġġ frekwenti huwa importanti. Inħeġġu sabiex f’din l-istrateġija tiġi wkoll inkluża emfasi fuq iktar riċerka sabiex nifhmu aħjar x’inhuma dawk il-fatturi li huma ta’ theddida għal flora u fawna lokali (fosthom in-Naħla Maltija), sabiex kwalunkwe azzjoni tkun immirata bl-iktar mod effiċjenti. Nieħdu l-opportunita biex insemmu l-isfidi preżenti tal-Bagħal taż-Żunżan (Vespa orientalis) li din is-sena għamlet ħerba sħieħa mis-settur apikulturali lokali.

Dan l-għan jagħmel ukoll aċċen għal metodi ta’ restawr lil bijodiversità. Infakkru li terminu ta’ ‘bijodiversità’ ma jagħmilx referenza biss għal speċi u ekosistemi, iżda wkoll għal ġenetika. Fid-dokument datat 2002 bit-titlu “Guidelines on Trees, Shrubs and Plants for Planting and Landscaping in the Maltese Islands” li kien ippublikat mill-Environmental Management Unit tal-Planning Directorate jagħmel referenza għall-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti rigward l-Ambjent u l-Iżvilupp liema konferenza kienet saret f’ Rio de Janeiro f’1992, jiġifieri 30 sena ilu. Kif jgħid l-istess dokument, diġà kien hemm rikonoxximent li ġenetika ta’ speċi lokali għandha tiġi salvagwardjata, id-dokument speċifikament jgħid hekk:

“…nowadays internationally recognised that intra-specific (within-species) variation is a fundamental component of biodiversity, which needs to be safeguarded”.

Għal skopijiet ta’ kuntest fil-paġna li jmiss qed tiġi riprodotta s-silta kollha.

F’dan ir-rigward, l-ispeċi tan-Naħla tal-Għasel (Apis mellifera) hi indiġena għal Malta peress li ma tinsabx f’Malta biss. Għalkemm in-Naħla tal-Għasel hi protetta bil-liġi, din l-istess liġi mhux qed tagħti protezzjoni olistika għax il-ġenetika tas-sottospeċi Maltija ma jidhirx li hi protetta. Biex il-ġenetika tan-Naħla Maltija tkun protetta minn kontaminazzjoni ta’ naħal ieħor tal-istess speċi imma ta’ razez differenti, hemm bżonn li ma jkunx permess l-importazzjoni ta’ naħal ieħor tal-għasel minn barra il-pajjiż. Il-kunċett evoluzzjonarju tas-sopravivenza tal-aktar tajbin (survival of the fittest) qed jiġi imfixkel bil-kbir għad-detriment tas-sottospeci li tifforma parti mill-patrimonju naturali Malti, kif ukoll għas-settur apikulturali lokali. Apparti li meta speċi tifforma sottospeci tkun qed tiżdied il-bijodiversita u din hi potenzjalment l-ewwel tarġa fil-ħolqien ta’ speċi ġdida.

B’dispjaċir ninnotaw li fid-dokument li suppost hu avant-garde u qed ifassal strateġiji nazzjonali għall-ambjent sa sena 2050, lanqas biss qed jagħmel referenza għall-konservazzjoni tal-ġenetika ta’ kull speċi lokali (endemika jew indiġena) li suppost ġa ilna naħdmu fuqha għal dawn l-aħħar 30 sena. Apparti l-fatt li ġenetika ta’ kull speċi lokali hi parti mill-bijodiversità kif inhu imsemmi aktar kmieni. Infakkru li fil-konklużjonijiet tal-konvenzjoni ta’ Rio fuq il-bijodiversità ġa jagħmlu parti mill-ligijiet ta’ Malta. Għaldaqstant nistennew li kull speċi li hawn ekotipi lokali, kemm jekk fawna kif ukoll jekk flora, ma għandux jkun permess l-importazzjoni tal-ekwivalenti minn barra, mhux biss biex nevitaw il-kontaminazzjoni tal-ġenetika lokali li tnaqqas mir-reżiljenza tal-ispeċi imma wkoll biex nevitaw li nintroduċu mard u pesti ġodda b’mod aċċidentali. L-introduzzjoni ta’ pesti jew mard ġodda hi verament importanti speċjalment fil-kuntest apikulturali, insemmu biss biss il-każ globali tal-Varroa li ħalli ħerba mill-apikultura internazzjonali. Il-preżenza tal-Small Hive Beetle (Aethina tumida) f’pajjiżi ġirien hi ta’ preokupazzjoni kbira, speċjalment f’xenarju din tista’ tiġi aċċidentalment importatha minn barra. Nistennew wkoll li meta nkunu firmatarji ta’ wegħdiet naraw li xogħol jitwettaq b’mod attiv u mingħajr telf ta’ żmien, għaliex jekk le tnaqqas il-kredibbiltà tal-istess awtorità. Nipproponu li anke l-flora li tinżera fil-gżejjer Maltin biex tħaddar tkun ta’ stock Malti u mhux importata. Dan għandu jwassal għal kreazzjoni ta’ spazzji ġodda tal-ħolqien tax-xogħol ħodor (green jobs).

“Following the United Nations Conference on Environment and Development (UNCED) held in Rio de Janeiro in 1992, it is nowadays internationally recognised that intra-specific (within-species) variation is a fundamental component of biodiversity, which needs to be safeguarded. In simple terms, vegetation (including trees) that has been growing in the Maltese Islands for thousands of years has developed particular genetic traits (locally adapted ecotypes), which are particular to these Islands. The importation and planting of foreign stock of the same species will in effect contaminate and/or dilute the local genetic pool and may, in the long run, lead to a gradual phasing out of the actual Maltese gene pool.

While this aspect may appear to be trivial at face value (although it has long been appreciated in the agricultural sector), it constitutes a serious threat, as its ultimate impact may effectively be the extinction of native populations of the less common vegetation types. Paradoxically, one such example, which is imminently threatened by the importation of foreign stock, is the alerce Tetraclinis articulata, the Maltese national tree!

Moreover, some imported stocks of locally occurring species such as the myrtle Myrtus communis are quite different (even morphologically) from the local wild populations of the same species. Similarly, the importation of certain plant species which are closely related to indigenous species may lead to hybridisation, which may have an analogous (if not worse) effect since vigorous hybrids often outcompete the parent species. In some cases, hybrids of largely artificial origin even become uncontrollable pests, as borne out by grasses growing on certain British river banks.

Such “genetic pollution through introgression” is to be avoided by ensuring that plants used in soft landscaping originate from native local stocks of the species concerned. This will be adopted by the Planning Authority as a criterion for the evaluation of landscaping schemes.”

Tajjeb ukoll li anke apparti l-pubbliku, in-nies involuti fl-agrikoltura inkluż fl-apikultura jiġu wkoll mgħarrfa sabiex japprezzaw il-bijodiversità u l-importanza tagħha sabiex inkattru sens ta’ responsabbiltà ambjentali wkoll fin-nies involuti f’dan is-settur.

L-objettivi strateġiċi fis-sommarju eżekuttiv 3.1, 3.3, 3.5, 3.6, 3.7, 3.8 u 3.9 kollha b’xi mod jew ieħor jolqtu l-konservazzjoni u l-promozzjoni tan-Naħla Maltija.

Għan numru 5: ‘Riżorsi tal-Art Reżiljenti’
L-objettivi prinċipali ta’ dan il-għan huwa l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali. Dan ukoll iwassal biex l-istat tal-ekosistemi f’pajjiżna jittejjeb intrinsikament.

Nixtiequ nżidu li l-użu tar-riżorsi b’mod responsabbli u sostenibbli jinkludi wkoll l-użu, u l-protezzjoni tas-sottospeċi tan-Naħla Maltija. Dan għaliex fil-kuntest ukoll tat-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tas-sottospeci lokali hi ukoll importanti ferm. Il-potenzjal t’addament għal klima iktar ħarxa fil-futur qarib qiegħda biss fil-konservazzjoni tas-sottospeċi endemika. L-importanza tal-konservazzjoni tan-naħla lokali u t-trobbija tagħha hu vantaġġuż u ta’ importanza.

Studji fuq il-kwalità tajba tal-ambjent ta’ madwarna, naturali, semi-naturali u agrikolu, jagħtu xhieda għal fatt li dan hu ta’ benefiċċju għal istat ta’ saħħa tal-bniedem. Apparti minn hekk, ambjent ta’ kwalità jagħti spazzju sabiex il-bijodiversità tiffjorixxi, f’kull sens tagħha. Dan iwassal sabiex is-servizzi li jipprovdu għalina dawn l-ekosistemi jkunu aċċessibli għalina fil-futur b’mod sostenibbli. Wieħed minn dawn is-servizzi essenzjali u importanti huwa d-dakra (pollination).

Il-konservazzjoni tan-Naħla Maltija ser tkun qed tgħin awtomatikament sabiex fil-futur inkompli naħsdu l-frott, literalment, ta’ dan is-servizz ekosistematiku. B’dispjaċir nenfassizzaw li l-framentazzjoni tal-abitati naturali li nsibu f’pajjiżna qed iħalli impatt negattiv ħafna fuq il-produzzjoni agrikola u apikulturali. L-inizjattiva tal-Assoċjazzjoni tan-Naħħala Malta sabiex Kunsilli Lokali ma’ jaqilgħux flora selvaġġa mill-passaġġi rurali f’perjodi tas-sena hu ta’ min ifaħħarha, u għandha tiġi introdottha awtomatikament għal pajjiż kollu. Pjanar tal-ispazzju għandu jsir iktar bis-sens u policies jew liġijiet preżenti infurzati iktar bis-saħħa ħalli jieqaf l-isfreġju ambjentali li qed naraw f’pajjiżna, darba għal dejjem.

Apparti minn hekk, miżuri f’dan ir-rigward ikunu qed jissalvagwardjaw l-użu tar-riżorsi lokali, inkluż in-Naħla Maltija (Apis mellifera ruttneri) kemm għal produzzjoni tal-għasel u prodotti oħra, u is-servizz ta’ dakra għal mijiet ta’ flora lokali. Apparti minn hekk il-konservazzjoni tan-Naħla Maltija tagħmel anke sens finanzjarju, dan għaliex bosta studji juri kemm in-naħal lokali hu iktar reżistenti għal mard, reżiljenti għal ambjent nativ tiegħu, u għaldaqstant jgħix iktar u hu iktar b’saħħtu!

L-objettivi strateġiċi fis-sommarju eżekuttiv 5.1, 5.4 u 5.7 kollha b’xi mod jew ieħor jolqtu l-konservazzjoni u l-promozzjoni tan-Naħla Maltija.

Għan numru 8: ‘Tranżizzjoni Effettiva’
L-objettivi prinċipali ta’ dan il-għan huwa li l-poplu Malti jieħu l-pass li jmiss u jkun hemm atteġjament iktar pro-attiv u altruistiku lejn l-ambjent.

Iċ-ċavetta għal sabiex dan l-għan ikun suċċess hi l-edukazzjoni. Bħala għaqda naxxenti, għalkemm ir-riżorsi tagħna huma limitati, fiċ-ċokon qiegħdin diġa b’mod attiv inħaddnu dan l-għan fid-diversi artikli, blogs u posts li nipproduċu. Lesti wkoll li nservu ta’ pont bejn l-entitajiet governattivi, l-għaqdiet apikulturali u l-pubbliku in ġenerali sabiex nixprunaw din il-bidla fil-ħsieb u fil-mentalità. Fir-rigward tal-protezzjoni olistika tan-Naħla Maltija, qed nipproponu lilna nfusna bħala l-pjattaforma newtrali fejn din l-inizjattiva tieħu l-ħajja, u il-koordinament tal-azzjonijiet meħtieġa sabiex in-Naħla Maltija (Apis mellifera ruttneri) tiġi verament issalvagwardjatha, isir.

Din l-edukazzjoni m’għandiex tkun biss fuq il-karta imma qalb in-nies involuti fid-diversi setturi li jorbtu direttament mal-ambjent. Nipproponi li l-għarbiel burokratiku sabiex wieħed jirċievi din l-edukazzjoni u sapport finanzjarju ikun imnaqqas drastikament għax dan direttament jfixkel fid-disseminazzjoni ta’ kwalunkwe inizjattiva, tajba kemm tkun tajba.

L-objettivi strateġiċi fis-sommarju eżekuttiv 8.1, 8.4, 8.5, 8.6, 8.7, 8.8 u 8.9 u 5.7 kollha b’xi mod jew ieħor jolqtu l-konservazzjoni u l-promozzjoni tan-Naħla Maltija.

Konklużjoni
Għar-raġunijiet imsemmija iktar kmieni f’dan id-dokument, il-protezzjoni tal-ambjent fil-forom kollu tiegħu hu ta’ gwadan għalina wkoll! Fiha innifisha s-sottospeċi Maltija għandha valur intrinsiku sforz l-endemiċita tagħha. Għal apikultura sostenibbli fil-ġejjieni, jeħtieġ li din is-sottospeċi tkun kkonservata.

Huwa tajjeb li inizjattivi bħal din l-Istrateġija jsiru. Però tajjeb li l-pjanijiet jiġu segwiti bis-serjeta u jseħħu. Għaliex jekk le, din l-istrateġija tispiċċa biss eżerċizzju bla skop. Fil-prefazju, iċ-chairman stess tal-ERA, Prof. Victor Axiak, jagħmel aċċen għal dan il-fatt;

“On the other hand, it may prove to be just a worthless eyewash paper exercise if it lacks the necessary commitment and drive to turn it into action.”

Nifhmu li potenzjalment, sagrifiċċji f’termini temporanja jridu jsiru, anke fost l-kommunità apikulturali. Iżda pero, jekk kulħadd jifhem il-għala qed issir din l-inizjattiva rigward il-protezzjoni tan-Naħla Maltija li taqa’ fi ħdan din l-Istrateġija, aħna ċerti li mal-ħin kulħadd jingħaqad u jagħti l-kontribut tiegħu. Apparti minn hekk, mil-lat apikulturali, t-trobbija ta’ naħal lokali jkun biss qed iwassal sabiex l-ekonomija f’dan is-settur tkun rikonfigurata b’mod lokali, u mal-ħin tagħti aktar awtorità lin-naħħala lokali stess. Fil-kliem iċ-chairman stess tal-ERA, Prof. Victor Axiak;

“the Strategy … goes a step further in seeking to address the key drivers behind our national environmental challenges, pushing for sustainable economic growth and laying out what can enable the required green transition through a range of effective policy responses … Short-term sacrifices may need to be made for longterm benefits to be reaped by future generations.”

Tislijiet,
Koalizzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija

Advertisements
Advertisements
Advertisements



Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements

Leave a comment

Advertisements