.

Advertisements

Realtà Gdida: It-Tibdil fil-Klima u l-Effetti fuq in-Naħla tal-Għasel

L-effetti tat-tibdil fil-klima jinsabu fuq fomm kulħadd dal-aħħar ġranet.

Rekord ta’ xmajjar kbar Ewopej bhal ‘Loire’ fi Franza, ‘Rhine’ fil-Ġermanja, ‘Po’ fl-Italja, ‘Danube’ fl-Ungerija, ilkoll magħrufa għal volumi t’ilma li s-soltu jgħaddi minnhom is-sena kollha jinsabu fost l-iktar livelli baxxi li qatt ġew irreġistrati [1]. Is-sħana ma taqta’ xejn qed twassal għal numru rekord ta’ nirien irreġistrati f’foresti fi Franza, Spanja u Portugal għal dan il-perjodu tas-sena [2]. L-Ingilterra ddikjarat 8 reġjuni bħala milquta min-nixfa wara nuqqas qawwi ta’ xita li għamlet fix-xhur li għaddew u s-sħana qawwija [3]. Uħud qed jispekulaw jekk l-effetti ta’ din il-preżenti nixfa humiex fuq skala simili jew agħar dik li l-Ewropa esperjenzat fl-2018 [4].

Partijiet mix-xmara Loire nexfin għal kollox mill-ilma [5].

U għalkemm lokalment jidher li s’issa skansajna din il-mewġa ta’ sħana, ma konniex għal kollox iżolati mill-effetti tagħha; it-temperatura tal-baħar kienet madwar 3°C iktar mill-medja għax-xahar ta’ Lulju, 2022 [6]. Però ma rridux nħarsu wisq ‘il bogħod biex niftakru fil-qilla tas-sħana li esperjenzajna fis-sajf tas-sena li għaddiet, 2021. Mewġ ta’ sħana ma’ taqta’ xejn għal ġranet infila [7]. U ta’ min isemmi in-nuqqas fil-medja ta’ xita irreġistrata dal-aħħar snin li niżlet fuq il-gżejjer Maltin, bi snin agħar minn oħrajn.


Dawn il-bidliet fil-klima jaffettwaw bil-kbir lin-naħal tal-għasel u l-apikultura. L-effetti huma diversi, uħud diretti, oħrajn iktar sottili.

Żieda fit-temp estrem, speċjalment sħana, iwassal biex in-naħal iżid fil-metaboliżmu tiegħu sabiex jikkontrolla aħjar it-temperatura tiegħu nnifssu u tad-duqqajs (‘brood’) fil-kaxxa (‘beehive’). L-ilma huwa element important ħafna f’dan ir-rigward, u fin-nuqqas tiegħu sforz iż-żieda fis-sħana, in-naħal ikun jeħtieġilhom ifittxu iktar ‘il bogħod għal sorsa t’ilma ħelu, jaħlu iktar enerġija, li fil-proċess tagħmilhom iktar suxxetibli għal mard għaliex ma jkunux fl-iktar stat b’saħħtu.

B’mod dirett it-tibdil fil-klima qed iwassal għal telf t’abitat li fuqu jirgħa n-naħal, speċjalment f’ċirkustanzi fejn in-nirien isiru iktar frekwenti meta togħla t-temperatura. Ta’ min isemmi wkoll li anke l-ammont ta’ trab tad-dakra (‘pollen’) u l-kwalità tan-nektar, dik is-sustanza ħelwa li n-naħal u insetti oħra jkunu qed ifittxu fil-fjuri, jaf tkun inferjuri u f’volumi inqas f’temp aħrax. Tibdiliet fit-tip ta’ flora li tkun kapaċi tgħix fi klima eħrex huma wkoll mistennija.

Bidla ewlenija oħra hija n-nuqqas ta’ sinkronizazzjoni bejn in-naħal u ż-żmien meta iwarrad il-fjuri. In-naħal lokali (Apis mellifera ruttneri) sforz mekkaniżmi evoluzzjonarji adatta ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu mal-bidliet li jġibu magħhom l-istaġuni. Imma it-tibdil fil-klima qed iwassal biex iċ-ċikli tal-flora li ilhom stabbli għal għexieren ta’ snin qed jitbiddlu f’temp qasir ħafna. Lokalment din diġa qiegħda tiġri. T’importanza għas-settur apikulturali Malti hu s-sagħtar (Thymbra capitata) li nsibu fix-xagħri Malti. Fejn fil-passat is-sagħtar kien iwarrad lejn l-aħħar ta’ Ġunju bidu ta’ Lulju bit-tradizzjoni kienet li jinħasad l-għasel nhar is-26 ta’ Lulju fil-festa ta’ Sant’Anna, fis-snin riċenti dan warrad lejn l-aħħar ta’ Mejju bidu ta’ Ġunju. B’mod dirett dan qed ifisser li n-naħal f’Malta qed jgħaddi xahar ieħor mingħajr ikel qabel iż-żmien li jmiss fejn ikun jista’ jerġa jirgħa fuq fjuri b’mod sinjifikanti. Ġeneralment dan ikun iktar tard fis-sena, lejn l-aħħar tas-sajf bidu tal-ħarifa, meta l-Ewkaliptus (Eucalptyus sp.) u iktar tard il-Ħarrub (Ceratonia siliqua) jagħmlu l-fjuri.

Ir-reġjuni fejn tgħammar in-Naħla tal-Għasel Ewropea (Apis mellifera) ġew definiti eluf ta’ snin ilu wara l-perjodu tas-Silġ. Però dawn ir-reġjuni fejn in-naħla kapaċi tgħix jaf jinbidlu fil-futur qarib minħabba tibdil klimatiku globali. Dan jaf iwassal għal kompetizzjoni ħarxa għar-riżorsi tal-fjuri bejn speċi t’insetti differenti, fosthom in-naħal tal-għasel, li qabel ma kienux f’kuntatt ma’ xulxin. U għalkemm b’mod naturali, in-naħal fuq il-kontinent jista’ faċilment jimxi għal post ieħor fejn it-temp ikun iktar moderat, in-Naħla Maltija li tgħix fi spazzju għal kollox iżolat m’għandiex din il-fakulta. Għaldaqstant din ir-raġuni tagħmila iktar sensittiva għal estinzjoni.

Potenzjal tibdil fir-reġjuni fejn tgħammar in-Naħla tal-għasel minħabba t-tibdil fil-klima, adattata minn Ji 2021 [8].

Għalkemm hu diffiċli ferm li tbassar bl-eżatt x’ser ikunu l-effetti, punt importanti ieħor hu l-bidla fil-qilla ta’ mard stabbilit u inċidenza ta’ mard jew pesti ġodda sforz ċirkusatanzi klimatiċi ġodda. Mhux l-ewwel darba li mard ġie mxerred minn tip ta’ naħal għal ieħor, bl-iktar każ famuż ikun dak tal-Varroa, bil-ħafna konsegwenzi negattivi li din ġabet magħha għal apikultura internazzjonali. F’dinja fejn it-tibdil fil-klima jaf iwassal għal naħal li fil-passat kienu iżolati, eqreb jew f’kuntatt ma’ xulxin, dan ix-xenarju hu probabli ħafna. Fost il-possibli tibdiliet nistgħu insemmu;

  • Żieda fiċ-‘chalkbrood disease’ li hu kkawżat minn (Ascosphera apis) minħabba żieda fl-umdita
  • Żieda fil-każijiet ta’ Nosema ceranae, sforz iż-żieda fit-temperatura
  • Il-‘European foulbrood’ (ikkawżata mill-Melissococcus plutonius) issir iktar letali fin-nuqqas ta’ trab tad-dakra
  • Emerġenza ta’ ‘viruses’ qattiela ġodda

Ħjiel ta’ dawn it-tibdiliet diġà nistgħu narawh lokalment fiż-żieda qawwija fil-Bagħal taż-Żunżan (Vespa orientalis). Żgur li t-tibdil fil-klima qed jgħin sabiex dan l-insett pesti jitkattar bil-kbir (Aqra iktar fuq dan is-suġġett hawn hekk: https://nahlamaltija.wordpress.com/2022/07/25/nahla-maltija-vs-baghal-taz-zunzan-ikseb-il-fatti/).

It-tibdil fil-klima hu mistenni jaffettwa b’mod dirett ukoll is-settur tal-agrikoltura. Għaldaqstant hu previst li l-użu tal-pestiċidi jiżdied bil-kbir ukoll biex jilqa’ aħjar għal mard agrikolu ġdid. Dan ser iħalli effetti negattivi fuq is-saħħa tan-naħal u dakkara oħra, li f’kombinazzjoni ma’ effetti oħrajn li ssemmew, jaf ikunu iktar letali.

Theddida ikbar għan-Naħla Maltija huwa t-taħlit ġenetiku ma’ naħal impurtat meqjus iktar kummerċjali (‘genetic pollution’). Dan b’mod dirett iwassal biex karatteristiċi li żviluppat in-Naħla Maltija sabiex tgħix fl-abitat Malti, u fil-proċess għamlitha l-iktar naħla tal-għasel adattata u reżiljenti għal dawn il-gżejjer, jibdew jintilfu minħabba dan it-taħlit. Ħafna min-naħħala stess osservaw b’mod dirett bidla fin-naħal tagħhom minn lewn iswed (il-propju kulur tan-Naħla Maltija) għal isfar, xhieda ta’ dan it-taħlit, li hu ferm inkwetanti.

Sfortunatament, dawn il-fatturi imsemmija (fatturi ambjentali u klimatiċi, mard ġdid u nuqqas ta’ ġenetika adattata) kollha jinteraġixxu ma’ xulxin u jħallu effetti letali fuq in-naħal.

Fil-preżenza t’effetti differenti, dawn isiru iktar letali għan-naħal, adattata minn Potts et al. 2010 [9].

L-apikultura tiddependi b’mod dirett fuq il-klima. Xhieda ta’ dan hu l-fatt li s’issa, din is-sena kkumparat ma’ snin imgħoddija, b’mod ġenerali rajna iktar produzzjoni t’għasel. Dan hu effett dirett tax-xita li għamlet fuq il-gżejjer Maltin dawn l-aħħar xhur.

Però l-istorja ma tieqafx mal-klima biss. Hu fatt imsejjes fuq riċerka li l-aqwa naħal tal-għasel għal kull reġjun partikolari hu dak nativ, ċoe li ilu stabbilit għal għexieren ta’ snin, u mhux dak impurtat. U anke fil-kuntest ta’ tibdil fil-klima, hu dan in-naħal nativ li għandu l-għodod u d-diversità neċessarja sabiex jadatta għal dan it-tibdili fil-klima.

Il-gżejjer Maltin huma mogħnija bin-naħal endemiku tagħna, in-Naħla Maltija (A. m. ruttneri). Jeħtieg li llum qabel għada nħallu d-differenzi li jifirduna warajna u naħdmu bis-sħieh flimkien sabiex nipproteġu n-naħla lokali tagħna, jekk irridu li l-apikultura f’Malta u Għawdex jibqgħu jitħaddmu b’mod sostenibbli fis-snin li ġejjijn!

Għamel Like/Follow u segwina fuq Facebook jew Instagram biex tkun aġġornat bl-aħħar żviluppi!


5 ta’ Jannar 2023

Malti ~ Madwar l-Ewropa kollha qed jiġu rreġistrati temperaturi anomali għal dan iż-żmien tas-sena. Fl-Olanda, Danimarka, Polonja, Ġermanja, Spanja u Franza ġew miksura rekords nazzjonali. Saħansitra, f’Bilbao nhar l-ewwel tas-sena ġiet irreġistrata t-temperatura ta’ 25˚C, ekwivalenti tal-medja għal Lulju! [10]

It-tibdil fil-klima qed iwassal sabiex iċ-ċikli globali tat-temp jitħawdu. Dan jaffetwa bil-kbir il-vitalità tal-flora u l-fauna, inkluż in-Naħla Maltija.

English ~ All over Europe anomalous temperatures are being recorded for this time of the year. National records were broken in the Netherlands, Denmark, Poland, Germany, Spain and France. In Bilbao on the first day of the year, a temperature of 25˚C was recorded, equivalent to the average for July! [10]

Climate change is throwing global weather cycles into disarray. This greatly affects the vitality of flora and fauna, including the Maltese Honey bee.


Referenzi

[1] https://www.euronews.com/green/2022/08/11/in-pictures-europes-mighty-rivers-are-drying-up-in-the-climate-driven-drought

[2] https://timesofmalta.com/articles/view/2022-sets-record-fire-activity-southwest-europe-eu.974036

[3] https://news.sky.com/story/drought-declared-in-several-parts-of-england-12670951

[4] https://www.theguardian.com/environment/2022/aug/13/europes-rivers-run-dry-as-scientists-warn-drought-could-be-worst-in-500-years

[5] https://www.thelocal.fr/20220811/in-pictures-french-drought-intensifies-loire-dries-up/

[6] https://timesofmalta.com/articles/view/first-ever-marine-heatwave-maltas-sea.972032

[7] https://timesofmalta.com/articles/view/no-respite-malta-heading-for-another-heatwave-next-week.892012

[8] Ji, Y., 2021. The geographical origin, refugia, and diversification of honey bees (Apis spp.) based on biogeography and niche modeling. Apidologie52(2), pp.367-377

[9] Potts, S.G., Biesmeijer, J.C., Kremen, C., Neumann, P., Schweiger, O. and Kunin, W.E., 2010. Global pollinator declines: trends, impacts and drivers. Trends in ecology & evolution25(6), pp.345-353

[10] https://timesofmalta.com/articles/view/december-warmest-100-years-balmy-weather-continues-new-year.1005166

Advertisements
Advertisements
Advertisements



Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements

Leave a comment

Advertisements