.

Advertisements

Studju Xjentifiku dwar in-Naħla Maltija

Grupp ta’ riċerkaturi (Uzunov et al.) riċentament f’Ġunju, 2023, ippublikaw studju xjentifiku li fih ikkumparaw karatteristiċi tan-Naħla Maltija kontra dawk tan-Naħla Taljana (li hi meqjusa bħala naħla kummerċjali fl-apikultura). L-istudju wera li kolonji tan-Naħla Maltija baqgħu ħajjin sostanzjalment iktar fit-tul minn dawk tat-Taljana. Dan ikompli jikkonferma riżultati preċedenti ta’ diversi riċerka li turi li l-ekotipi endemiċi huma iktar reżiljenti minn dawk barranin fl-ambjent nattiv tagħhom. Il-karatteristiċi li ġew studjati kienu:

• L-iżvilupp fid-daqs tal-kolonja

• Imġieba u temperament tal-kolonja

• Produttività tal-għasel

• Vitalità f’termini ta’: reżiljenza fil-klima Maltija u reżistenza kontra l-mard.

L-adattament tan-Naħla Maltija għall-klima lokali kien evidenti fl-iżvilupp tal-kolonja matul is-sena, li laħaq il-quċċata fir-rebbiegħa fl-istess perjodu meta ħafna mill-flora selvaġġa tkun qed twarrad. Id-daqs imbagħad naqas fl-istaġun sajfi minħabba n-nuqqas ta’ ilma u fjuri, u reġa’ żdied fil-ħarifa, meta t-temp jibda’ jbatti mis-sħana qalila. Dan hu għal kuntrarju tan-naħal Taljan impurtat, li laħaq l-ikbar daqs fil-kolonja fis-sajf. L-istudju wera wkoll li l-kolonji Maltin kienu ikbar fin-numru minn dawk introdotti b’30%. Dan ifisser li n-Naħla Maltija jkollha ħafna aktar duqqajs u naħal ħaddiema fil-perjodi tas-sena meta il-flora tkun qed twarrad, u għaldaqstant naraw korrelazzjoni ċara bejn żieda fil-produzzjoni tal-għasel fin-Naħla Maltija u l-addatament għal klima Maltija. Dan l-adattament għaċ-ċikli tal-klima lokali narawh ukoll fl-istaġuni meta n-Naħla Maltija għamlet il-bgħula (drones).

Insibu bosta naħħala li għandhom impressjoni ħażina tan-Naħa Maltija, u jqisuha bħala naħla tal-għasel aggressiva. Madankollu f’dan l-istudju, in-Naħla Maltija ġabet marka għall-ġentilezza simili ħafna għal dik tan-naħal Taljan impurtat. Dan jindika b’mod ċar li n-Naħla Maltija ma jistħoqqiliex ir-reputazzjoni negattiva fost in-naħħala u l-pubbliku ġenerali. Ir-reputazzjoni ta’ aggressività tista’ tirriżulta minn kolonji li jista’ jkun huma ibridizzati (mħallta sew ma’ naħal impurtat).

Mingħajr trattament għal kontra l-mard, in-Naħla Maltija uriet indikazzjonijiet b’saħħithom t’iġjene u irnexxielha żżomm baxxa infesstazzjonijiet tal-parassita 𝘝𝘢𝘳𝘳𝘰𝘢. Min-naħa l-oħra, in-naħal Taljan impurtat kellu livelli ta’ infestazzjoni sa 6 darbiet iktar min-Naħla Maltija. Din l-osservazzjoni trid tinżamm fil-kuntest li saħansitra n-Naħla Maltija kellha ħafna aktar duqqajs matul is-sena, u b’hekk offriet opportunitajiet u kundizzjonijiet iktar aħjar għar-riproduzzjoni tal-parassit tal-𝘝𝘢𝘳𝘳𝘰𝘢. Fortunatament minn dan l-istudju ħareġ ukoll li mard ieħor kien preżenti biss ftit u ma jidhirx li għandu rwol ewlieni għas-saħħa tal-kolonji tan-naħal f’Malta.

Ir-riżultati jindikaw b’mod ċar li n-Naħla Maltija hija adattati tajjeb għall-kundizzjonijiet ambjentali f’Malta u superjuri għan-naħla impurtata Taljana. Il-kolonji Maltin baqgħu ħajjin b’mod sinifikanti aktar fit-tul u kienu aħjar f’diversi parametri mkejla meta mqabbla man-Naħla Taljana.

Filwaqt li nifirħu lir-riċerkaturi għal dan l-istudju robust fuq in-Naħla Maltija, nawguraw li jkun hawn iktar proġetti ta’ dan it-tip. Iżda mhux biss. Din hi evidenza xjentifika oħra lejn it-triq t’apikultura sostenibbli. Jeħtieġ li nxammru l-kmiem, u lkoll flimkien nieħdu bis-serjeta l-konservazzjoni tan-Naħla Maltija, illum qabel għada.

L-istudju sħiħ huwa aċċessibli hawn

Advertisements
Advertisements
Advertisements



Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements

Leave a comment

Advertisements