.

Advertisements

Il-Varroa Aċċidentalment Introdotta fl-Awstralja

Xtaqna naqsmu magħkom xi ħsibijiet rigward l-importazzjoni ta’ mard relatat mal-apikultura.

L-Awstralja hu pajjiż viġilanti ħafna fejn tidħol l-importazzjoni, infatti sa ftit ilu, kien probabbilment l-uniku pajjiż fid-dinja fejn jitrabba naħal li kien meqjus ħieles mill-Varroa. Pero jidher li ftit tal-ġimgħat ilu, minkejja viġilanza stretta, instabu xi każijiet ta’ Varroa u issa diġà bdiet tinfirex sew mal-istat ta’ New South Wales. Il-gvern Awstraljan qed jistma li jekk il-Varroa tiġi stabbilita fil-pajjiż, din ser tibda’ tiswa lis-settur madwar 70 miljun dollari Awstraljani (€48M) fis-sena u b’hekk ser tonqos bil-qawwa is-sostenibbiltà tal-istess settur.

Ta’ min infakkru li minħabba l-importazzjoni, f’Malta l-Varroa daħlet madwar 30 sena qabel l-Awstralja (90ijiet) u hu dokumentat li żewġ terzi tal-kolonji (madwar 4,000) li kien hawn f’Malta dik il-ħabta mietu peress li kienet parassita ġdida għan-nahal lokali, u allura ma kellu l-ebda adattament lejn din l-ispeċi qerrieda. L-istess ġara fit-80ijiet bl-‘American foulbrood‘. Meta mard jew pesti ġodda jiġu introdotti, hi kważi impossibbli li jiġu eradikati – ikunu jistgħu biss jiġu kontrollati bi spejjeż kbar annwali.

Għalkemm l-effetti tal-Varroa f’Malta għadhom jinħassu sal-lum, in-Naħla Maltija bdiet taddatta u trabbi reżistenza. Għaldaqstant tagħmilha l-aħjar naħla f’dan ir-rigward. Dan ġara bil-proċess naturali tas-sopravivenza tal-aktar tajbin (‘survival of the fittest‘). Fil-qasir, dawk li ma kellhomx ġenetika addattata mietu, filwaqt li dawk li baqgħu ħajjin sforz xi ġenetika li għenithom kontra l-Varroa, kattru l-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom. Għalhekk din il-ġenetika tajba baqgħat tintiret u ssir aħjar.

Sfortunatament, l-importazzjoni kontinwu ta’ naħal barrani qed iġib lejn xtutna naħal b’ġenetika mhux addattata għall-Varroa, u din qed titħallat ma’ tan-Naħla Maltija. Filwaqt li n-Naħla Maltija qed tipprova t’addatta għal din iċ-ċirkostanza ġdida, meta din il-ġenetika barranija titħallat ma’ dik Maltija, qed ittelliefha b’mod dirett milli tagħmel dan.

Infakkru wkoll li viċin xtutna jeżistu pesti oħra bħaż-Żunżan Ażjatiku (Asian hornet, Vespa velutina) u Ħanfusa Żgħira tal-Ġabsala (Small hive beetle, Aethina tumida) li jekk jidħlu f’Malta bi żball (bħalma sfortunatament dejjem ikun il-każ) mal-importazzjoni, ser iħallu effetti devastanti. Il-possibilta li ħafna naħħala jitilfu ħafna kolonji hi realissima, hekk kif ġara fil-passat meta daħlet il-Varroa u mard ieħor. Tajjeb li dis-sitwazzjoni li hi evitabli, tiġi evitata. Jeħtieġ li nitgħallmu mill-iżbalji passati tagħna qabel ma jkun tard wisq!

Int naħħal/a li għext ż-żmien ta’ meta daħlet il-Varroa f’Malta? Ħallilna kumment, u aqsam l-esperjenza tiegħek magħna.

Advertisements
Advertisements
Advertisements



Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements
Advertisements

Leave a comment

Advertisements